“Tħallux l-immigranti fil-baħar” – UE lill-Istati Membri

Il-Kummissjoni Ewropea għall-Migrazzjoni, l-Intern u ċ-Ċittadinanza qed tikkuntattja l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex isibu soluzzjoni għall-bastiment Sea-Watch 3 li bħalissa jinsab isalpa 3 mili nawtiċi ‘l barra minn Malta u Sea Eye. Dan wara li l-Gvern Malti ta l-permess li dan isir.

Fuq il-bastiment Sea-Watch 3 hemm total ta’ 32 persuna u tarbija li bħalissa jinsabu esposti għall-bard, riħ, xita u għejja.

In-Netherlands lesta tieħu immigranti minn Sea-Watch 3

Il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos qed jikkuntattja lill-Istati Membri hu stess fejn qed jitlob li dawn jagħtu s-sapport tagħhom u jikkontribwixxu għad-diżembark ta’ dawn il-persuni mill-aktar fiss possibbli. Sostna li hemm bżonn aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri.

In-Netherlands u l-Ġermanja esprimew ir-rieda li jieħdu ftit minn dawn il-persuni li qed ifittxu l-ażil. Intant, f’rapport ta’ Le Monde intqal li Franza wkoll lesta tilqa’ xi ftit minn dawn il-persuni. L-NGO Sea-Watch ikkritikat bl-aħrax lill-mexxejja Ewropej talli ma ħadux azzjoni u sostniet li huma “patetiċi”. F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Tamino Böhm qal li s-sitwazzjoni laħqet assurdita massima. Hu sostna li l-NGO kienet qed tagħmel ix-xogħol tal-aġenziji tal-istat iżda minkejja dan ilha 13-il jum mingħajr port ta’ sigurtà.

Robin Jenkins, li huwa dak li qed isuq il-bastiment Sea-Watch qal li ma jistax jifhem kif 32 persuna u tarbija kapaċi jbeżżgħu daqshekk lin-nies. Qal li l-persuni abbord qed iħossuhom konfużi għax kien mingħalihom li l-Ewropa hi post ta’ kompassjoni, tolleranza u ċiviltà. Kellhom l-impressjoni li l-Ewropa hi post fejn in-nazzjonijiet jingħaqdu biex isolvu l-problemi u joħolqu sigurtà. Jenkins temm jgħid li dan qed iwasslu biex jiddubita l-fiduċja li kellu f’pajjiżu.