“Tħallux l-attakki jiddemoralizzawna” – il-PM lil-Laburisti

F’appell lil-Laburisti waqt li għaddejja maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella lil-Laburisti biex ma jħallux l-attakki jiddemoralizzawhom.

F’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li wara l-istħarriġ ippubblikat illum mill-gazzetta Malta Today li ta vantaġġ assolut lil Muscat bħala l-aktar mexxej b’saħħtu, saħaq li “m’għandux jitlalna għal rasna”.

Żied jgħid li kulħadd għandu jibqa’ saqajh mal-art għaliex skontu, “aktar ma jkun kbir l-appoġġ aktar għandna responsabilità”

Sena mit-tieni rebħa għall-Partit Laburista f’elezzjoni ġenerali mmexxija minnu, il-Prim Ministru qal li bħal daż-żmien sena l-għajta kienet “l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej” u spjega li ħafna nies ma kienux emmnu f’dak li qal.

Kien hawnhekk li għamel elenku tal-kisbiet tal-Gvern Laburista fosthom dak dwar il-qgħad u t-tkabbir ekonomiku.

Spjega li Malta għandha fost l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea u t-tkabbir ekonomiku huwa ‘l fuq minn 4%.