“Tħallux dak li ġara lili jiġri lilkom ukoll”- Daniel

Ritratt: Facebook/DanielAzzopardi

L-influencer Daniel Azzopardi għamel appell lis-segwaċi tiegħu biex dak li għadda minnu fl-aħħar ġranet, ma jgħaddix minnu ħaddieħor.

Kollox beda meta ftit ġimgħat ilu beda jħoss qalbu tgħaġġel. Qal li għall-ewwel ma kienitx xi ħaġa ta’ barra minn hawn iżda fl-aħħar ġimgħa din eskalat f’punt li beda jħoss ukoll uġigħ. Kien għalhekk li mar għand tabib.

Filwaqt li huwa diffiċċli li f’dan l-istadju wieħed ikun ajf il-kawża ta’ x’wassal għal dan, it-tobba qalulu li fattur kbir jista’ jkun l-ammont kbir ta’ energy drinks li huwa jixrob.

Huwa stqarr li mhux kbur bih innifsu iżda ddeskriva l-ammont kbir li xorob bħala “disgustanti”. Huwa qabbel dan ma’ min ipejjep. Huwa qal ukoll li kien ivvizzjat biex jixrob ħafna minn dawn l-energy drinks.

Azzopardi qal li kien issa li sar jaf tassew x’kienu qed jagħmlulu dawn id-drinks u kemm fil-fatt energy drink wieħed għandu kafeina u zokkor. Qal li l-ammonti huma tal-biża’.

“Jekk intom bħali u kultant tixorbu l-energy drinks b’mod każwali jew inkella biex igħinkom tistudjaw filgħaxija, ixorbu t-tè jew ilma minflok,” kiteb hu waqt li saħaq li bil-messaġġ tiegħu ma ried jallarma jew ibeżża’ lil ħadd.

Ritratt: Facebook/DanielAzzopardi

“L-esperjenza tiegħi kienet ħażina, iżda setgħet kienet ferm aktar ħażina. Tħallux dak li ġara lili jiġri lilkom ukoll,” temm jikteb waqt li ħeġġeġ lil dawk li jixorbu dawn id-drinks biex jieqfu jagħmlu dan illum.