“Tħalluhomx jegħrqu” – Kappillan ta’ NGO Taljana lill-Maltin

Aġġornat 09:00 PM

Il-Gvern jibgħat patrol boat biex tgħin lill-NGO ssalva l-persuni

Saċerdot Taljan, li huwa wkoll il-Kappillan tal-NGO Mediterranea Saving Humans wassal appell imqanqal lill-Isqfijiet Maltin biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern bil-għan li jiġu salvati l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma fiz-zona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.

F’ittra li bagħat lill-Arċisqof Charles Scicluna u lill-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech, Don Mattia Ferrari qal li f’isem l-NGOs li qed joffru salvataġġ, qed jitlob bil-ħniena biex dawn il-persuni f’ħalq il-mewt jiġu salvati qabel ma l-baħar jibda jwebbes rasu.

Aktar tard illejla, l-istess qassis irringrazzja lill-Isqfijiet Maltin tal-għajnuna tagħhom wara li l-Gvern Malti bagħat patrol boat fiż-żona biex tgħin lill-NGO Mediterranea Saving Humans ssalva dawk il-persuni fuq il-bastiment Aita Marine.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna għadda l-ittra lill-awtoritajiet filwaqt li ġedded l-appell tiegħu lill-Gvern. L-ittra ntbagħtet fost l-oħrajn lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-President George Vella. Mons. Scicluna tenna l-offerta ta’ għajnuna konkreta mill-Knisja.

Intant, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Frontex, qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP f’Ruma, li bħalissa l-ajruplan tagħha bbażat f’Malta għaddej b’ħidma ta’ tiftix biex jassigura li m’hemmx iktar dgħajjes bejn sema u ilma fiz-zona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ. Dan minbarra ż-żewġ dgħajjes li sa dalgħodu kienu rrappurtati li qegħdin fiz-zona Maltija.

Il-Frontex spjegat ukoll li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet innutat erba’ dgħajjes bl-immigranti abbord f’nofs il-Baħar Mediterran. Minn dawn, żewġ dgħajjes daħlu fi Sqallija.

Intant, dinghy li ntlemaħ fiz-zona Libjana ta’ tiftix u salvataġġ kien bla mutur u ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ persuni fuq id-dgħajsa jew fl-inħawi. Il-Frontex ikkonfermat li dan id-dinghy kien marbut ma’ każ preċedenti ta’ salvataġġ, fejn wara li l-immigranti ġew salvati, id-dinghy tħalla waħdu fil-baħar.