“Tħallset bl-ikel u s-sigaretti”… iżda xorta weħel €12,500

Raġel ġie ordnat mill-Qorti biex jagħti kumpens ta’ €12,500 lill-ekssieħba tiegħu wara li din fittxitu bil-Qorti.
Il-mara kienet tgħin lil Christian Zammit fil-ħanut tal-ħelu kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.  Il-Qorti ddeċidiet li l-mara għandha titħallas b’€4 fis-siegħa u ħadmet l-ammont dovut.
Fil-Qorti nstema’ kif huma damu flimkien għal madwar 10 snin u kienu jgħixu flimkien.
Wara li spiċċat ir-relazzjoni ta’ bejniethom hi talbet lil Zammit biex iħallasha tal-għajnuna li kienet tagħtih fil-ħanut għal madwar tliet snin.
Fix-xhieda tagħha fil-Qorti hi rrakkuntat kif qabel ma kienet tmur għal xogħolha full time, hi kienet tmur il-ħanut tal-ekssieħeb tagħha fis-6.30am biex tistenna lil tal-ħalib u tal-ħobż għall-kunsinja. 
Għall-ħabta ta’ 8am hi kienet tmur għax-xogħol, f’ħanut li jinsab faċċata tal-ħanut tiegħu. Wara li tispiċċa minn xogħolha kienet terġa’ tmur tgħinu bid-deliveries, sakemm jagħlaq il-ħanut għall-ħabta tal-10pm. Hi saħqet li qatt ma ħadet ċenteżmu għal xogħolha.
Spjegat ukoll li kienet tmur miegħu l-pitkalija t-Tnejn u l-Ħamis meta beda jbiegħ il-frott u l-ħaxix bil-van.
Fost dawk li xehdu kien hemm impjegati ta’ ħwienet fil-viċin, klijenti u l-qraba tagħhom.
Ir-raġel xehed li hija kienet taħdem tliet sigħat kuljum fil-ħanut, u kienet tqatta’ l-kumplament tal-ħin tikkoreġi xogħol oħtha, li kienet taħdem miegħu fl-istess ħanut.
Argumenta li tħallset biżejjed f’ikel u sigaretti li kienet tieħu b’xejn mill-ħanut. Huwa saħaq li kull darba li kienu joħorġu kien iħallas hu, li kienet tiekol b’xejn mingħand ommu u kienet tużalu l-BMW.
L-imħallef innotta kif il-mara ħadet il-prekawzjonijiet meħtieġa f’każ li r-relazzjoni tagħhom kienet se tispiċċa billi ħadet nota tal-ħinijiet li hi kienet taħdem waqt li huwa kien ibiegħ bil-van.
Filwaqt li t-talba tal-mara ġiet iddikjarata bħala fattwalment impossbibli li kienet taħdem 36 siegħa fil-ġimgħa, il-Qorti ħadmet l-ammont dovut lilha.