“Tħallix lill-immigranti jistennew; daħħalhom” – Delia lil Muscat

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jħallix lill-immigranti jistennew fl-ibħra biex jiġu salvati, imma biex idaħħalhom Malta sabiex imbagħad jitqassmu fil-pajjiżi Ewropej.

Delia għamel dan l-appell fuq Facebook, fejn bħala Kap tal-Oppożizzjoni, indirizza lill-Prim Ministru u ħeġġu biex jgħin lil dawn l-immigranti kif jista’ minkejja ċ-ċokon ta’ Malta.

Huwa spjega li fiżikament, Malta ma tistax tassumi r-responsabbiltà ta’ pajjiżi akbar billi tħalli lil dawn l-immigranti kollha jidħlu Malta u jgħixu hawn. Iżda insista li huwa inuman li l-immigranti jintużaw għal skopijiet politiċi, li filwaqt li l-Maltin qed igawdu l-btajjel tas-sajf, irġiel, nisa u tfal qed jitħallew fil-limbu f’dgħajjes ta’ salvataġġ fil-qilla tax-xemx Mediterranja. Delia qal li bħala mexxejja, għandhom l-obbligu morali li jsemmgħu leħinhom għal dawk vulnerabbli.

F’isem l-Oppożizzjoni, Delia ħeġġeġ lill-Gvern iwaqqaf is-sitwazzjoni kurrenti tal-immigranti ta’ stennija ddisprata biex jingħataw kenn. Qal li mbagħad, la taġixxi Malta, għandhom jaġixxu l-istati membri tal-Unjoni Ewropea billi jqassmu lill-immigranti bejniethom. Qal li l-Oppożizzjoni hija lesta tgħin lill-Gvern biex jispjega ruħu mal-pajjiżi Ewropej.

Temm jgħid li Malta hija ċkejkna, iżda għandha qalb kbira, u għandha tagħti eżempju lill-pajjiżi l-oħrajn billi tpoġġi l-ħajjiet umani l-ewwel u qabel kollox.

Abbord Open Arms

Nhar il-Ħamis l-1 ta’ Awwissu l-ekwipaġġ ta’ Open Arms, bastiment Spanjol, salva grupp ta’ 124 immigrant mill-għarqa. Fost il-grupp hemm tewmin ta’ disa’ xhur. Il-bastiment salva 39 persuna oħra matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt taħt il-kordinazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Minn dawn, immigrant iddaħħal l-Italja, filwaqt li żewġ nisa u familthom ġew evakwati f’Malta.

Ara: 1 mejjet u ieħor fil-periklu tal-mewt; l-AFM ittellagħhom minn dingi

Ara: Żewġ nisa u familthom ġew evakwati minn Open Arms lejn Malta

Ara: L-immigranti jibqgħu bejn sema u ilma; Malta tgħid ‘le’

Ara: Malta lesta tieħu 39 immigrant; deċiżjoni li qed toħloq tensjoni – Open Arms

Ara: Richard Gere jappella lil Salvini biex jieqaf “jiddemonizza” lill-immigranti u jgħinhom