Tħallas €17,000 għal beżbuża xagħar ta’ Beethoven?

Beżbuża xagħar tal-kompożitur Beethoven li qata’ minn xagħru huwa stess mistennija li tinbiegħ f’irkant li se jsir f’Londra fil-11 ta’ Ġunju għal prezz ta’ €17,000. Beethoven kien ta din it-troffa xagħar ta’ kannella skur imħallta bl-abjad lill-pjanista sieħbu Anton Halm fl-1826, sena biss qabel miet.

Beethoven kien ta l-beżbuża xagħar lil sieħbu għax dan kien xtara troffa li kienu qalulu li kienet ta’ Beethoven. Imma x-xagħar li xtara ma kien xejn għajr dak ġej minn mogħża.

Meta Beethoven sar jaf kif il-pjanista kien tqarraq, quddiemu stess qata’ troffa minn xagħru u qallu: “Ara, din hija xagħri ta’ veru.”

Meta Anton Halm miet fl-1872 huwa ta x-xagħar lil wieħed mill-istudenti tiegħu, Julius Epstien, li miet fl-1926. Minn dak iż-żmien lil hawn ix-xagħar baqa’ għand din il-familja.