Thake se jixhed fuq l-allegazzjoni li Yorgen xaħħam lill-PN biex ma jitlax Casa

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake ntalab jixhed fil-qorti sabiex jagħti l-evidenza li għandu dwar l-allegata offerta ta’ flus ta’ Yorgen Fenech lill-Partit Nazzjonalista sabiex David Casa ma jiġix elett fil-Parlament Ewropew.

Fuq Facebook, Thake kiteb li ġie mistoqsi jidher quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke nhar il-Ħamis li ġej fin-12.30pm, f’dik li donnha hi inkjesta maġisterjali fuq il-każ.

Dan wara li David Thake talab pubblikament biex il-Partit Nazzjonalista u l-Pulizija jinvestigaw min setgħet kienet il-persuna jew persuni li ppruvaw jagħmlu qbil ma’ Yorgen Fenech biex David Casa ma jerġax jiġi elett fil-Parlament Ewropew. Wara inqas minn 24 siegħa, il-Pulizija ffissat appuntament ma’ Thake biex jgħaddilhom l-informazzjoni dwar l-allegazzjoni.

I have been summoned to appear in front of Magistrate Doreen Clarke this Thursday at 12:30pm to give evidence in what…

Posted by David Thake on Tuesday, June 23, 2020

Il-ġimgħa li għaddiet, fil-proċeduri kriminali dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-qorti, is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf, qal li Yorgen Fenech kien qallu li offra l-flus lill-Partit Nazzjonalista sabiex David Casa ma jitlax fil-Parlament Ewropew fl-elezzjoni tas-sena li għaddiet. Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju, allegatament qal lil Theuma li għamel dan għaliex Casa kien qed ikun voċiferu dwar 17 Black, kumpanija bbażata f’Dubaj li hi ta’ Fenech.

Il-Partit Nazzjonalista mbagħad ċaħad dawn l-allegazzjonijiet li saru fil-qorti, u l-Kap tal-PN Adrian Delia ħa ġurament sabiex jgħid li qatt ma rċieva l-ebda flus mingħand Yorgen Fenech.

Fis-smigħ tal-evidenza kontra Fenech fil-qorti lbieraħ, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, kellu verżjoni differenti ta’ din l-istorja, meta qal li Fenech qallu li kien Delia stess li talbu €50,000 biex ma jitlax David Casa fil-Parlament Ewropew.

Schembri xehed ukoll li l-eks Kap tal-Midja tal-PN Pierre Portelli kien imur kull xahar jiġbor il-flus mingħand Yorgen Fenech għall-Partit Nazzjonalista. Portelli wara ħareġ stqarrija fejn iddikjara li ġimgħa ilu ħa ġurament li hu ma ħax flus mingħand Fenech biex ma jitlax Casa. Ċaħad kulma qal Schembri fil-qorti.