Filmat: Delia b’affidavit ġuramentat dwar l-allegazzjonijiet fuq il-PN

Read in English.

Fit-tieni stqarrija f’inqas minn 24 siegħa, il-Partit Nazzjonalista reġa’ ċaħad l-allegazzjoni li rċieva xi flus biex xi kandidat jew ieħor ma jiġix elett. Il-Kap Nazzjonlalista ppubblika wkoll affidavit ġuramentat li għamel illum fil-Qorti.

Huwa sfida lill-midja Laburista biex fi żmien 24 siegħa, tissostanzja l-gideb tagħha billi tmur għand l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija b’kull informazzjoni li jista’ jkollha.

L-Erbgħa, is-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphna Caruana Galizia, Melvin Theuma qal li Fenech kien anke offra flus lill-PN biex l-MEP David Casa ma jerġax jitla’. Ir-raġuni għal dan kienet li Casa kien voċiferu dwar 17 Black, kumpanija ta’ Yorgen Fenech, u Fenech xtaq isikket lil Casa dwar dan. Theuma stqarr li hu ma kienx jaf eżatt x’inhi 17 Black.

Għal din ix-xhieda, il-Partit Nazzjonalista ċaħad li huwa rċieva xi offerta jew pagament biex jimmina l-kandidatura ta’ kwalunkwe wieħed mill-kandidati tiegħu fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew jew fi kwalunkwe elezzjoni oħra.

Thake jitlob investigazzjoni; Appuntament mal-Pulizija f’inqas minn 24 siegħa

Id-deputat Nazzjonalista David Thake talab pubblikament biex il-Partit Nazzjonalista u l-Pulizija jinvestigaw min seta’ kien il-persuna jew persuni li ppruvaw jagħmlu qbil ma’ Yorgen Fenech biex David Casa ma jerġax jiġi elett fil-Parlament Ewropew. Wara inqas minn 24 siegħa, il-Pulizija ffissaw appuntament ma’ Thake biex għada jgħaddilhom l-informazzjoni dwar l-allegazzjoni.

Thake laqa’ din l-istqarrija tal-PN iżda qal li jrid imur pass oltre u għaldaqstant kien għalhekk li talab biex il-partit jagħmel investigazzjoni interna. Huwa talab ukoll biex il-Pulizija jinvestigaw il-każ għaliex qal li jekk hu veritier jammonta għal prattiċi elettorali ħżiena.

David Casa ilu Membru Parlamentari Ewropew mill-ewwel elezzjonijiet tax-xorta tagħhom f’Malta wara r-referendum għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2004.