Tmut l-attriċi Valerie Harper fl-età ta’ 80 sena

L-attriċi Valerie Harper li ħafna jiftakruha bħala Rhoda fis-sensiela ta’ suċċess tas-Snin 70 The Mary Tyler Moore Show u aktar tard fis-serje Rhoda mietet fl-età ta’ 80 sena. Hija mietet nhar il-Ġimgħa li għaddiet iżda fuq għażla tal-qraba tagħha, kien proprju fl-aħħar sigħat li l-aħbar tal-mewt tagħha ħarġet b’mod uffiċjali.

Harper kienet rebħet erba’ Emmy Awards, li huma l-Oscars tat-televiżjoni, għall-interpretazzjoni tagħha ta’ Rhoda, tlieta minnhom għas-serje The Mary Tyler Moore Show, u ieħor għall-istess parti iżda fl-ispin off Rhoda.

Fl-aħħar snin hija kellha partijiet f’sensiliet bħal Touched By an Angel, Melrose Place, Drop Dead Diva, American Dad!, Two Broke Girls, Melissa & Joey, Signed, Sealed, Delivered, 2 Broke Girls, Childrens Hospital, Sex and the City u Desperate Housewives.

L-attriċi kienet ilha snin twal tieħu l-kura għal kanċer fil-pulmun u f’moħħha u kien irrikmandat dan l-aħħar li tiddaħħal għal kura fi sptar hospice, iżda r-raġel tagħha Tony Cacciotti kien stqarr li riedu jqattgħu flimkien l-aħħar żmien li kien fadlilhom.

AQRA:Tobba jirrakkomandaw li l-attriċi Valerie Harper tiddaħħal fi sptar Hospice