Tħabbir tal-Evanġelju tal-Familja fil-Bolivia

Il-logo tal-Kungress dwar il-Ħajja u l-Familja li se jsir fil-Bolivia

Il-Ħdax il-Kungress Internazzjonali “Il-Ħajja, il-Familja u l-Libertà Reliġjuża”,  se jsir fl-Univeristà Kattolika ta’ San Pawl, f’La Paz il-Bolivja, nhar il-Ġimgħa li ġej. Fih se jieħdu sehem persuni u organiżazzjonijiet li jaħdmu għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Familja.

Il-Kungress Internazzjonali hu organizzat mill-Fondazzjoni Ħajja u Familja u l-Università ta’ San Pawl bl-iskop li jitħabbar il-Vanġelu tal-Ħajja, tikber il-koordinazzjoni bejn gruppi favur il-ħajja u jitfasslu attivitajiet favur id-difiża u l-promozzjoni tal-ħajja ui tal-familja.

Dan l-avveniment iressaq flimkien istituzzjonijiet minn kull  livell tas-soċjetà fil-Bolivja, fosthom għalliema, gruppi favur il-ħajja, professjonisti, saċerdoti u ħaddiema pastorali impenjati fid-diversi komunitajiet tal-pajjiż.

L-Isqof Cristobal Bialasi tad-djoċesi ta’ Oruro, President tal-Fondazzjoni Ħajja u Familja, meta ħabbar il-Kungress ta’ din is-sena, enfasizza l-importanza li “naħdmu għal ministeru pastorali verament magħqud”.

Hu qal li l-Kungress se jipprova jagħmel dan billi jipprovdi informazzjoni “fuq suġġetti importanti ħafna kemm fl-isfera nazzjonali kif ukoll dik internazzjonali” li jolqtu b’mod speċjali il-ħidma mwettqa mill-Knisja.

Professjonisti li jirrappreżentaw l-akkademja, il-ġurisprudenza, ix-xjenza medika, il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Bolivia, gruppi li joffru appoġġ lit-tfal, lill-adoloxxenti u anke lin-nisa kienu mistiedna biex jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom.

Dawn se jkopri varjetà ta’ suġġetti inkluż id-drittijiet tat-tarbija mhux mitwielda, id-dinjità umana, l-adozzjoni bħala mezz biex ikunu restawrati d-drittijiet tal-familja, id-drittijiet tal-familja fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied, ir-realtà tal-abort fil-pajjiż u fl-Istati Uniti u d-dritt li wieħed jgħix f’familja.