Intervista: ​Tgħix mhedda u mbeżżgħa li se jitfa’ l-aċtu fuq uliedha

Omm t’erbat itfal qed tgħix ħajjitha f’biża’ kontinwa wara li ekssieħeb tagħha qed jhedded lilha u lil uliedha. Ir-raġel huwa magħruf mal-Pulizija u allegatament jiġi jaqa’ u jqum mil-liġijiet u l-ordnijiet imposti fuqu mill-Qrati.

Ta’ oriġini Eġizzjana, Enas ilha tgħix Malta snin twal. Attentat ta’ qtil, quddiem waħda mill-bniet, fuq l-omm sarraf fi ħmistax-il ġurnata ħabs għall-ekssieħeb. Minkejja li ilhom snin separati, dan ir-raġel xorta spiċċa jkun id-dell ta’ din l-omm u wliedha. “Dejjem jgħidli rranġa miegħi jew noqtlok,” sostniet.
Ulied Enas dejjem imbeżżgħin u jaraw min hemm warajhom minħabba t-theddid tiegħu. “Jorqdu mwerwrin li se jiġi joqtolhom,” qalet Enas imbikkma.
Numru kbir ta’ rapporti lill-Pulizija u każijiet il-Qorti ma wasslu għal ebda tip ta’ protezzjoni li din l-omm u wliedha għandhom bżonn.
Ir-raġel weħel multa ta’ €100 wara li nstab ħati li refa’ jdejh fuq waħda mill-ulied. Il-mara rrakkontat li, allegatament, xi Pulizija fl-Għassa tal-lokal tagħha jafu lil ekssieħeb sew. “Dan l-aġir qiegħed isir biex ikissirni psikoloġikament u finanzjarjament. Il-bonus tat-tfal imur dritt għand l-avukat,” qalet Enas.
L-omm għamlet diversi talbiet biex ma tibqax tgħix hemm.
Diversi tentattivi biex il-Housing isibilha residenza oħra flok fejn qed tgħix ma wasslu għall-ebda riżultat. Il-ħsieb tal-mara huwa li titbiegħed mill-ekssieħeb tagħha.
Kelliem mill-Ministeru tal-Familja saħaq ma’ Newsbook.com.mt li l-Housing ma tistax tidħol fil-problemi personali tan-nies. “X’nagħmlu jekk wara li jinstabilha post alternattiv, żewġha jerġa’ jmur jgħix qrib tagħhom?” qal il-kelliem. Allegatament Enas hija t-tieni mara li qed issofri dan l-abbuż mill-istess raġel.
Minn dan il-każ joħroġ ċar li hawn min qed jabbuża mill-kariga tiegħu jew qed jonqos milli jagħmel dmiru. Newsbook.com.mt  għamel kuntatt ma’ diversi persuni u entitajiet u f’ġieħ il-verità u b’apprezzament jirringrazzja lil dawn il-persuni li marru ‘l hinn minn xogħolhom.
Id-domanda li toħroġ f’dan il-punt hija kemm se jgħaddi żmien qabel Enas issir statistika oħra wara li sseħħ traġedja. Is-sena l-oħra kellna medja ta’ tliet każi ta’ vjolenza domestika kuljum.
Dan il-każ ifakkar f'każ ta' mara li, skont sezzjonijiet tal-medja, kienet għamlet numru ta' rapporti lill-Pulizija qabel inqatlet b'daqqiet ta' sikkina fil-Qawra. 
Kompli segwi Newsbook.com.mt fejn se jippubblika aktar filmati u xhieda dwar dan il-każ ta’ vjolenza domestika.