Tgħid Rambo se jmut fl-aħħar film? Jinħareġ it-trailer tal-film li jmiss

Sylvester Stallone, bħala Rambo

Rambo x’aktarx jmut fl-aħħar film dwaru li se joħroġ fl-20 ta’ Settembru. Fil-film Rambo: Last Blood l-attur Sylvester Stallone fil-bidu jidher fuq rocking chair imma għad li issa għandu72 sena xorta għadu jrid jissielet mal-‘ħżiena’.

Vidjo qasir dwar il-film li ntwera fuq Youtube il-Ħamis li għadda juri kif kompliet ħajjet il-veteran li ħareġ mill-gwerra tal-Vjetnam. Din id-darba jaqbeż qabża sal-Messiku biex joħodha kontra grupp ta’ kriminali u jsalva t-tifla ta’ ħabib tiegħu li kienet tinsab taħt idejhom.

Rambo: Last Blood

Rambo jgħid li hu għex f’dinja mimlija mwiet. Ra ħbiebu jinqatlu. Xi wħud b’balla ta’ pistola. U kien hemm oħrajn li bilkemm kien fadal il-fdalijiet tagħhom.

Fil-film Rambo jidher joqtol, kemm direttament u anki f’xi nasba. Imma mbagħad jinstema’ jgħid: “Matul dawn is-snin kollha żammejt is-sigrieti għalija. Imma issa wasal iż-żmien li niffaċċja l-passat tiegħi. Ġejja l-mewt.”

Xi wħud jgħidu li bi kliemu Stallone jrid juri li wasal tmiemu. Jista’ jkun li dan il-film — miktub minnu stess — hu l-aħħar wieħed dwar Rambo? Il-vidjo fuq Youtube rawh aktar minn 300,000 sal-bieraħ.

L-ewwel film dwar Rambo kien First Blood li ħareġ fl-1982. Warajh ħarġu tlieta oħra:(1985); Rambo III (1988) u John Rambo (2008).