​Tgħid lil min se jinnomina l-Gvern?

Kull sena, il-UNESCO/Guillermo Cano World Press Freedom Prize jingħata lil dik il-persuna li tkun għamlet kontribuzzjoni lejn id-difiża u l-promozzjoni tal-istampa ħielsa madwar id-dinja, però s’issa l-Gvern għadu ma qalx lil min se jinnomina għal dan il-premju.
Il-premju ġie msemmi għal Guillermo Cano Isaza, ġurnalist mill-Kolombja li ġie assassinat quddiem l-uffiċini tal-gazzetta El Espectador ta’ fejn kien jaħdem fl-1986.
In-nominazzjonijiet għal dan il-premju jistgħu jsiru mill-Istati Membri tal-UNESCO, organizzazzjonijiet professjonali, u NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-ġurnaliżmu u l-espressjoni ħielsa.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk mhux se jitfa’ xi nominazzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li “qed jikkunsidra kull option li għandu biex jonora lil Daphne Caruana Galizia.”
Fi stqarrija, l-organizzazzjoni tal-istampa ħielsa u ġurnaliżmu ta’ kwalità Doha Centre for Media Freedom qalet li se tinnomina lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għal dan il-premju flimkien ma’ żewġ ġurnalisti oħra.
Il-Gvern għadu ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt jekk għandux ħsieb li jinnomina lil xi ħadd għal dan il-premju.
Kelliema mill-UNESCO qalet ma’ Newsbook.com.mt li bil-kontra ta’ kif kien isir fil-passat, nominazzjonijiet postumi (wara l-mewt) m’għadhomx jintlaqgħu.