Tgħid lil min kien se jikxef il-Koħħu?

Esperti legali li reġgħu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kuljum tant qed joħorġu stejjer u żviluppi xokkanti, li qed isir aktar diffiċli li l-Prim Ministru jiddeċiedi dwar it-talba għall-maħfra presidenzjali minn Yorgen Fenech, mingħajr ma jinħolqu ħafna suspetti. Huma sostnew li mhux qed jgħidu li l-Prim Ministru mhux se jaqdi dmiru sew, iżda li r-rabta tal-Prim Ministru ma’ Keith Schembri tant hija intima u tant ħarġet ċara anke issa, li mhux possibbli li ma jkunx hemm perċezzjoni li l-affarijiet ma sarux sew.

X’qalet il-Kamra tal-Avukati?

Il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija maħruġa l-Ħamis qalet li l-għoti jew iż-żamma ta’ maħfra jew maħfriet hija aktar delikata mis-soltu “għal raġunijiet li m’hemmx għalfejn wieħed jispjega”. “Għalhekk il-Kamra tinsisti li deċiżjonijiet għandhom isiru minn nies li m’għandhomx kunflitt ta’ interess”.

Żviluppi xokkanti u mistoqsijiet

L-iżviluppi xokkanti li seħħew f’dawn il-jiem iqajmu dawn il-mistoqsijiet:

Għaliex ingħatat il-maħfra lil Melvin Theuma milli lill-Koħħu? Fil-klima li hawn żgur li ħafna qed jistaqsu: Lil min kien se jikxef il-Koħħu?

Il-mara ta’ Vince Muscat, wieħed mit-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed tgħid li “hija inġustizzja li Melvin Theuma (li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ) se jixhed kontra Vince, meta kien Vince li qal lill-Pulizija dwaru”.  Żiedet tgħid li “Vince għandu jingħata l-maħfra, mhux Melvin”. Dan ġie rrappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, li qed tgħid li din hi l-ewwel darba li Pauline Muscat, mart Vince, tkellmet pubblikament.

Fis-sitwazzjoni ta’ suspett li hawn fil-pajjiż żgur li ħafna qed jistaqsu: lil min kien se jsemmi l-Koħħu? Il-perċezzjoni kollox, sfortunatament. L-arja ta’ suspett fil-pajjiż tesiġi assolutament importanti li jkun hemm ċarezza kontinwa.

Jekk Keith Schembri qal lil Yorgen Fenech “Tikxifnix u ngħinek” seta’ qal l-istess ħaġa lil Melvin Theuma?

Fenech qal li Schembri bagħatlu messaġġi jgħidu “tikxifnix u ngħinek”. Iżda Fenech iddeċieda li jikxef dik li hu sejjaħ il-korruzzjoni dwar l-Electrogas u saħansitra l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Jekk il-Prim Ministru rringrazzja lil Keith Schembri saħansitra meta kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, jista’ jidher li huwa imparzjali?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kumment li ssorprenda ħafna nies irringrazzja lil Keith Schembri immedjatament wara li ħabbar li Schembri kien irriżenja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tiegħu.

Jekk Muscat jaħseb li Schembri,“bniedem integru”, jista’ jagħti maħfra lil min jista’ jitfgħu l-ħabs?

Ftit qabel l-elezzjoni tal-2017, il-Prim Ministru ddeskriva lil Keith Schembri bħala bniedem integru. Dan kien xhur wara li ħareġ li Schembri kellu kumpaniji sigrieti fil-Panama u li saħansitra kien wiegħed, permezz tal-accountant tiegħu, li kien lest li jiddepożita sa miljun ewro fis-sena f’kontijiet bankarji.

Yorgen Fenech parteċipant tat-tielet grad – il-familja ta’ Daphne

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed tiddeskrivi l-involviment ta’ Yorgen Fenech bħala involviment tat-tielet grad, jiġifieri jemmnu li hemm mill-anqas żewġ persuni ogħla minnu u wieħed minnhom allegatament huwa Keith Schembri.

Yorgen Fenech isemmi persuni b’kariga politika għolja

Sfortunatament is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa qegħda tagħmilha diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, għall-Prim Ministru li jiddeċiedi b’serenità dwar it-talba għall-maħfra minn Yorgen Fenech, temmew jgħidu l-istess sorsi.