Tgħid li stupraha l-eks raġel tagħha; jinżamm arrestat

Raġel qed jinżamm arrestat taħt l-akkuża li stupra lill-eks mara tiegħu.

Ir-raġel ta’ 30 sena mil-Libja tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella llum taħt l-akkużi li stupra lill-mara li għandu t-tfal magħha fil-flett tiegħu f’Tas-Sliema f’lejlet il-Milied. Huwa akkużat ukoll li wettaq att sesswali magħha mingħajr il-kunsens tagħha u li heddidha.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni qal li anke waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija, l-akkużat kien qed jagħmel telefonati lill-mara biex jipprova jindaħal f’dak li kellhom jgħidu x-xhieda. Huwa wera li kellu l-intenzjoni li jitlaq minn Malta biex imur iċ-Ċina.

Wara li l-mara rrappurtat l-istupru, l-akkużat kien ġie interrogat u avżat li m’għandux javviċina lill-mara, imma f’inqas minn kwarta wara li telaq mill-uffiċċju tal-Ispettur, huwa mar iżur lill-vittma f’darha, fejn hi ċemplet lill-Pulizija.

Il-Libjan ċaħad l-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti rrifjutat li ttihulu minħabba li deher li kellu ħsieb biex jitlaq minn Malta u anke għax ma mexiex ma’ li qallu l-Ispettur.

Il-Maġistrat aċċettat it-talba tal-Prosekuzzjoni biex isem ir-raġel ma jiġix ippubblikat minħabba li l-vittma hi l-eks mara tiegħu u omm uliedu. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni temporanja fuq il-vittma, u l-Qorti wissietu li jekk jipprova jkellimha, ikollu jħallas multa ta’ €7,000 u anke jaffaċċja żmien il-ħabs.

L-akkużat qal li ma kellux f’moħħu li jikkuntattjaha u ta l-mowbajl tiegħu lill-Pulizija. Minħabba li l-akkużat esprima ħsieb dwar is-suwiċidju, huwa għandu jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.