Tgħid li l-pulizija beda jgħajjat għax għaddew mill-bieb il-ħażin

Bint raġel akkużat li ħoloq kommossjoni u li hedded pulizija fl-għassa tal-pulizija ta’ Ħaż-Żabbar qalet li l-pulizija bdew jagħtu magħhom meta għaddew mill-bieb il-ħażin.
It-tifla, li hi minuri, kienet qed tixhed quddiem il-Maġistrat Saviour Demicoli fil-każ ta’ raġel ta’ 44 sena minn Marsaxlokk, li qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrieh.
Hu qed ikun akkużat li f’Ġunju tal-2013 hedded uffiċjali tal-pulizija li kienu fuq xogħlhom fl-għassa u talli xekkilhom f’xogħlhom.
It-tifla qalet li hi marret l-għassa wara li tilfet il-mowbajl, fejn l-uffiċjali infurmawha li ma tistax tagħmel rapport għax hi minuri. Sostniet li għalhekk ċemplet lil missiera, li ġie minnufih u saqsa għalfejn bintu ma tħallietx tagħmel rapport. Hemm telaq u mar iċempel lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
It-tifla spjegat li dak il-ħin saqsiet lill-pulizija għalfejn bdew jgħollu leħenhom, fejn qalulha li għax daħlu mill-bieb ħażin. It-tifla qalet li hi talbithom skuża f’isimha.
Il-każ ġie differit għat-12 ta’ Jannar.