Aġġornata: ​Tnejn arrestati wara li ħatfu mara u stuprawha f’Pembroke

Arkivji

Żewġt irġiel, Emmanuel Makuochukwu Ngmezi u Seydou Bandaogo min-Niġerja u l-Burkina Faso tressqu l-Qorti iktar kmieni wara nofsinhar akkużati li wettqu stupru fuq mara Taljana ta' 30 sena li tgħix Malta.
Huma wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi waqt li allegaw li l-mara kienet fis-sakra u matul il-lejl stess kellha relazzjoni sesswali ma' xi ħadd ieħor.
Madankollu fil-kumpliazzjoni tagħhom, iż-żewġ akkużati ma qablux bejniethom u anke kkontradixxew lil xulxin tant li l-Qorti ordnat li jibqgħu jinżammu taħt arrest u jissokta l-istħarriġ tal-Pulizija.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ħatar diversi esperti biex jassistu fl-inkjesta u jiġu vverifikati l-fatti kollha.
Iktar kmieni
Taljana ta’ 30 sena qed tallega li kmieni dalgħodu ġiet maħtufa u stuprata minn żewġt irġiel fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.
L-allegat każ seħħ għal ħabta tal-5:30am meta l-Pulizija marret fuq il-post u baqgħet issegwi l-karozza indikata lilhom minn dawk preżenti fl-inħawi.
Fil-karozza kien hemm żewġt irġiel u mara, u kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta’ Pembroke.
Il-Pulizija bdew isegwu l-karozza u malli waslu f’Pembroke, innotaw li raġel minnhom ħarab jiġri minn ħdejn il-karozza, iżda ġie arrestat ftit wara.
Fil-karozza kien għad fadal ir-raġel l-ieħor u l-mara. Filwaqt li r-raġel inżamm mill-Pulizija, it-tfajla ittieħdet Mater Dei billi allegat li kienet stuprata.
Iż-żewġt irġiel huma min-Niġerja u minn Burkina Faso u għandhom 34 u 36 sena.
It-Taljana qed tgħin lill-Pulizija bl-investigazzjonijiet tagħhom.
Ġiet ordnata inkjesta u nħatru diversi esperti biex jgħinu lill-Maġistrat tal-Għassa.