Tgħid il-futbol fl-Italja se jibda dalwaqt?

Il-Federazzjoni Taljana tal-futbol tittama li l-plejers ikunu jistgħu jiġu ttestjati għall-coronavirus fil-bidu ta’ Mejju bi preparazzjoni biex l-istaġun jerġa’ jibda. Is-Serie A ilu sospiż mid-9 ta’ Marzu minħabba l-pandemija globali. S’issa għad ma hemm l-ebda data stabbilita għal meta l-futbol jista’ jerġa’ jibda fl-Italja meta għad hemm bosta logħob x’jintlgħab.

“Meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin aħna se nispiċċaw il-kampjonat,” qal il-president tal-federazzjoni Gabriele Gravina. Huwa żied: “Dalwaqt se jkun hemm laqgħa. Aħna se nistabbilixxu l-proċedura ta’ kif għandha nagħmlu għall-kumplament tal-istaġun u mbagħad nikkomunikaw.

Kompla jgħid li jispera li fil-bidu ta’ Mejju jibdew bit-testijiet biex jiżguraw li l-plejers huma negattivi u b’hekk it-taħriġ tal-plejers ikun jista’ jkompli. Il-ħsieb tagħhom hu li anki jekk jilagħbu fis-sajf, huma jridu jtemmu l-kampjonati. L-Italja kienet waħda mill-aktar pajjiżi milquta mill-kriżi tal-coronavirus u bosta plejers minn klabbs differenti spiċċaw morda.

Bħalissa fis-Serie A Juventus jinsabu fil-quċċata, punt qabel il-Lazio u b’Inter fit-tielet post.

Massimo Cellino, il-president tat-tim ta’ Brescia, li t-tim tiegħu qiegħed fil-qiegħ tat-tabella, qal li hu lest li jitlef il-logħob li fadal tal-klabb jekk jerġa’ jibda l-istaġun.

It-timijiet Ġermaniżi l-ġimgħa l-oħra saru l-ewwel timijiet mill-aqwa kampjonati tal-Ewropa li rritornaw għat-taħriġ.