Filmat: It-tellieqa bejn Edward Scicluna u Chris Fearne; Helena Dalli eliminata

Chris Fearne u Edward Scicluna għada se jkunu qed jissieltu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, wara li llejla l-kontestanta l-oħra, Helena Dalli ġiet eliminata.
Hekk kif ħadd ma kiseb il-maġġoranza ta’ 50% + 1, għada jsir it-tieni rawnd bl-aktar żewġ kandidati li ġabu voti.
F’din l-elezzjoni vvutaw 745 minn 756 delegat ivvotaw fl-elezzjoni, li matulha ġew ikkonfermati wkoll Joseph Muscat u Chris Cardona bħala Mexxej Laburista u Deputat Mexxej rispettivament.
Fit-8pm ingħalqet il-votazzjoni għall-elezzjoni ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista. Min se jitla' se jkun qed jieħu post Louis Grech bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u anke Deputat Prim Ministru.

Tul il-kampanja qasira tagħhom, it-tliet kandidati tkellmu dwar il-kapaċitajiet li jagħtuhom vantaġġ fuq iż-żewġ kandidati l-oħra.
Il-Ministru tal-Finanzi għafas fuq l-esperjenza tiegħu fil-partit, fejn sostna li dejjem kien insider tal-PL, biex ifisser li għalkemm ma kienx ikun fuq quddiem tal-lenti, kien involut f’ħafna mix-xogħol li jsir minn wara l-kwinti. Fost l-oħrajn isemmi kif ilu minn żmien l-eks-Prim Ministru Duminku Mintoff jikteb rapporti għall-baġit, sena wara sena.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ugwaljanza u l-Affarijiet Ewropej tisħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat afdaha fil-passat sabiex tiddefendi lill-pajjiż fil-Parlament Ewropew. Skont Dalli din hi kwalità li deputat mexxej għandu jkollu sabiex iwieżen lill-Prim Ministru.
Dalli tista’ wkoll tgawdi minn ftit popolarità preżenti fuq iż-żewġ kandidati l-oħra, hekk kif ilbiraħtlula għaddiet il-liġi li temenda l-Att dwar iż-Żwieġ, liġi li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, kif ukoll id-diskors riċenti dwar in-nisa fil-politika jista’ jaħdem favuriha.
Imbagħad il-Ministru tas-Saħħa wiegħed li jekk jinħatar Deputat Mexxej, jagħmel ħiltu kollha sabiex jikkonvinċi lil Muscat jibqa’ hemm anki wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Minkejja dan, mistoqsi jekk jittantax xi darba jikkontesta għal mexxej tal-partit, Fearne kien l-unika kandidat li wieġeb b’mod miftuħ. It-tnejn l-oħra ċaħdu li għandhom dawk l-aspirazzjonijiet.
Fearne enfasizza kemm-il darba li bħala deputat mexxej, iħabrek sabiex jassigura li l-PL jibqa’ partit tar-rebbieħa.
.