Tgħid ġejjin lura Destiny’s Child?

Ritratt: Pete-Sekesan

Fix-xena mużikali internazzjonali qed tiġri x-xnigħa li wara s-suċċess tal-kunċerti ta’ Spice Girls, is-sena d-dieħla se nkunu qed naraw ir-ritorn tal-grupp Destiny’s Child. Wisq probabbli li dan se jkun is-sena d-dieħla f’okkażjoni tal-20 anniversarju tagħhom.

Minn dak li qed jiġi rrappurtat, hija Beyoncè li qed tmexxi l-pjan kollu biex huma jerġgħu jingħaqdu mill-ġdid għal sensiela ta’ kunċerti fl-Ewropa u fl-Istati Untii.

Qed jingħad ukoll li l-ħsieb ta’ Beyoncè huwa li dawn il-kunċerti jittellgħu fuq skala ferm ikbar minn dawk li għamlu dan l-aħħar il-grupp Spice Girls.

L-istess rapporti li ħarġu fil-media jsostnu li għalkemm ma ħarġet l-ebda aħbar uffiċjali, Michelle Williams u Kelly Rowland, diġà aċċettaw il-proposta li għamlitilhom Beyoncè u għalhekk wieħed issa għandu jistenna biex jara d-dati tal-kunċert meta se jkunu!

Kien 20 sena ilu li Michelle kienet ingħaqdet mal-grupp u b’hekk kienu ffurmaw il-grupp kif nafuh illum.

Huma kienu waqfu milli jkantaw flimkien fl-2005, wara li ħarġu l-album Destiny Fulfilled, iżda uffiċjalment qatt ma nfirdu.

Hu mistenni li għal dawn il-kunċerti li jitħabbru dalwaqt, Destiny’s Child mhux biss se jinterpretaw uħud mill-aqwa suċċessi tagħhom, iżda wkoll xi siltiet kompletament ġodda.