“Tgħallmu mill-iżbalji tal-mexxejja li ħallew il-flus jagħmuhom”

“Bħala l-mexxejja futuri tal-pajjiż, nitlobkom titgħallmu mill-iżbalji li għamlu ħafna mill-mexxejja tal-lum, li ħallew il-flus jagħmuhom u ma qisux il-ġid komuni bħala prijorità”.
Dan kien l-appell tal-ekonomista Dr Philip von Brockdorff lill-ekonomisti l-ġodda waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tagħhom fl-Università ta’ Malta.
Dr Von Brockdorff ilmenta li llum il-ġurnata, is-soċjetà konsumerista li qed ngħixu fiha tpoġġi l-interessi tal-individwu qabel dawk tal-komunità, u dan qed iwassal biex l-ambjent jinqered u jiżviluppaw inugwaljanzi kbar fost il-poplu.   
Skontu, dan japplika b’mod partikolari għall-mexxejja ta’ pajjiżi madwar id-dinja, li jieħdu deċiżjonijiet li jaqblu lilhom, mingħajr ma jaħsbu fl-impatt negattiv li l-istess deċiżjonijiet se jkollhom fuq il-bqija tal-poplu.
B’hekk, Dr Von Brockdorff qal li s-sinjuri jkomplu jistagħnew minn fuq dahar il-fqir, li ma jistax jagħmel wisq biex ibiddel is-sitwazzjoni tiegħu.
Spjega li din il-mentalità qed twaqqaf lil persuni li għandhom mal-55 sena milli jsibu xogħol, għax għal min iħaddem huwa iktar faċli li jħaddem barrani li jkun għadu żgħir u kapaċi jitgħallem iktar malajr.
Kompla jgħid li l-istess apatija u nuqqas ta’ kuxjenza qed twassal biex l-ambjent nadif u sigur tal-imgħoddi jitniġġes u jinqered, u b’konsegwenza ta’ dan, it-tfal ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jissakkru ġewwa jilagħbu fuq l-aġġeġġi teknoloġiċi tagħhom minflok joħorġu jiġru barra.   
Dr Von Brockdorff appella lill-gradwati ġodda biex ikissru dan iċ-ċirku vizzjuż, għax fi kliemu s-soċjetà għandha bżonn ċittadini responsabbli li lesti jwarrbu l-interessi tagħhom u tas-suq, biex mill-ġid komuni jgawdi kulħadd.