Tgħallimtu bid-dnewwa, keċċejtuh 4 snin tard – Callus

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li t-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari Laburista ma jiskolpax lill-Gvern. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Callus stqarr “intom qatt ma ħadtu azzjoni kontra l-korruzzjoni u kellkom titgħallmu bid-dnewwa. Mizzi tkeċċa erba’ snin tard wara li spiċċajtu daharkom mal-ħajt.”

Callus qal li hu rriżenja minn Gvernatur tal-Awtorità tal-Artijiet fuq it-trasferimenti ta’ biċċa art lill-Hotel Fortina, f’liema tranżazzjoni, il-poplu tilef €4 miljun.

“Din il-ġimgħa ngħatajt raġun meta l-propjetarju tal-Fortina ta l-ikbar donazzjoni li ngħatat lill-Partit Laburista waqt il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Marbuta ma’ din hemm il-kuntratt li ngħatat il-kumpanija Captain Morgan dwar il-ġarr tal-immigranti. Intgħażlet din il-persuna direttament u tgħid ħafna dwar ir-relazzjonijiet li għandha din il-persuna mal-Partit Laburista,” temm jgħid Callus.