Tgħajjir lejn Daphne mal-mafkar quddiem il-Qorti

Read in English.

L-għaqda Occupy Justice sabet diversi messaġġi dispreġġjattivi miktubin fuq kartun mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-għaqda spjegat li dawn il-messaġġi, li fost l-oħrajn jgħidu li Caruana Galizia kellha bżonn eżorċista, instabu 119-il ġimgħa wara l-assassinju tagħha. Huma sostnew li dan kollu huwa ħtija tal-istat li għamel żmien twil jinstiga l-mibgħeda lejn il-ġurnalista.

Huma staqsew għaliex xi ħadd ħass il-ħtieġa li jħalli dawn in-noti ta’ mibgħeda f’post ta’ protesta. L-għaqda rreferiet għall-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u staqsietu x’se jkun qed jagħmel hu. Dan hekk kif meta hu kien Ministru għall-Ġustizzja, kien jordna li ta’ kuljum, il-mafkar jitnaddaf mill-oġġetti li jpoġġu l-attivisti madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-Qorti fil-Belt.

L-għaqda sostniet li parti kbira mill-problema hija s-sistema tal-edukazzjoni flimkien mal-propoganda kontinwa tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni. Qalet li minħabba dan, il-pajjiż wasal fi stat fejn ġurnalista tiġi assassinata u l-popolazzjoni tifraħ.

Occupy Justice għamlet il-mistoqsijiet tagħha lill-Prim Ministru Robert Abela speċifikament jekk hux se jkun qed jikkundanna aġir bħal dan. Malli ħa l-kariga tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta, Abela ordna li l-mafkar tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma jibqax jitnaddaf mid-Dipartiment konċernat.

119 weeks after Daphne was assassinated, we found these lovely messages at the memorial. This is what state sanctioned…

Posted by Occupy Justice Malta on Monday, January 27, 2020