​Tgħaddix mit-Telgħa ta’ Selmun filgħaxijiet

Hekk kif Transport Malta se tagħmel xogħol t’asfaltar fit-Telgħa ta’ Selmun, it-triq se tingħalaq għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet.
Ix-xogħol se jibda llejla u jibqa’ sejjer fl-iljieli li ġejjin bejn it-8pm u l-5am.
F’dawn il-ħinijiet it-traffiku se jgħaddi mill-Miżieb u l-Manikata. It-trasport pubbliku se jibqa’ għaddej fiż-żewġ direzzjonijiet sad-9pm.
It-triq terġa’ tinfetaħ għat-traffiku matul il-jum.
Transport Malta appellat lis-sewwieqa biex isegwu s-sinjali tat-traffiku li twaħħlu temporanjament, l-istruzzjonijiet mill-uffiċjali fuq il-post u biex isuqu b’attenzjoni.
Il-ħidma ta’ Transport Malta bħalissa

  • L-ewwel xogħlijiet bdew bil-bini mill-ġdid ta’ parti mit-triq tax-xatt tax-Xemxija (Triq il-Pwales) u t-Telgħa tax-Xemxija, il-konnessjoni ewlenija lejn il-Mellieħa u nħawi oħra tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fosthom l-Għadira, l-Armier, iċ-Ċirkewwa u l-Marfa. Dan ix-xogħol issa tlesta.
  • Għadu għaddej ukoll xogħol ta’ tiswija urġenti fl-istruttura tal-pont ta’ Triq il-Mistra, aktar ‘il fuq f’din l-istess rotta. Issa jmiss isir ukoll xogħol ta’ asfaltar ġdid f’partijiet oħra ta’ din ir-rotta, fosthom partijiet mit-Telgħa ta’ Selmun.
  • Sas-sajf se jkun tlesta wkoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq Louis Wettinger, magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa, li tingħaqad ma’ din ir-rotta ewlenija lejn it-Tramuntana tal-pajjiż u l-port tal-vapuri t’Għawdex. 
  • Għaddejjin ukoll ħidmiet u tħejjijiet sabiex isir titjib fit-toroq li jwasslu għall-Bajja ta’ Għar Lapsi, il-bajja ta’ St Peter’s Pool, kif ukoll diversi toroq f’Paceville