Tgħaddi l-liġi Ewropea ġdida dwar informazzjoni dwar passiġġieri

Wara snin ta’ trattattivi, il-Parlament Ewropew approva sistema konġunta għall-Pulizija u għall-uffiċjali tal-Ġustizzja biex ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru lejn jew minn l-UE.
Id-Direttiva ġdida, magħrufa bl-isem Passenger Name Records (PNR), trid tiddaħħal fil-pajjiżi kollha tal-UE sa massimu sentejn oħra.
L-informazzjoni diġà tinġabar mil-linji tal-ajru imma l-liġi ġdida qed toħloq sistema preċiża ta’ kif l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu jistgħu jaċċessaw liema tip ta’ informazzjoni meta jkunu qed jinvestigaw reati serji fosthom terroriżmu, traffikar tal-bniedem u droga.
L-attakki terroristiċi f’Pariġi s-sena li għaddiet u dawk fi Brussell din is-sena aktarx li ħaffew il-pass biex id-diskussjonijiet jingħalqu u l-proposta tgħaddi mill-Parlament Ewropew.
Il-liġi għaddiet b’461 vot favur u 179 kontra.