Tgeddes: Milied aktar kiesaħ minn tal-Ingliżi

Oħroġ il-kowtijiet, ilbes il-ġkieket u ixgħel il-kitla. Jidher li l-Milied f’Malta se jkun aktar kiesaħ minn dak tal-Ingliżi.
Skont l-Uffiċċju Meteoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-temperaturi ta’ din il-ġimgħa se jkunu baxxi u l-ogħla temperatura, għas-sebat ijiem li ġejjin, se tkun dik ta’ 15-il grad nhar is-Sibt li ġej.
Għalkemm it-temperaturi ta’ filgħodu se jvarjaw minn 13 sa 15-il grad, fil-każi kollha mistennija jinħassu inqas.
Filgħaxija t-temperaturi se jinżlu aktar u t-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa nistennew temperatura ta’ 8 gradi.
Għall-biċċa l-kbira ta’ din il-ġimgħa se jkollna temp imsaħħab, bix-xita mbassra għall-Erbgħa u riħ qawwi nhar il-Ħamis.
Intant, skont rapporti fuq midja Ingliża, partijiet mill-Ingilterra, iżda anke l-Iskozja se jkollhom temperaturi ftit aktar għolja minn dawk ta’ Malta.
Għalkemm dawn x’aktarx li se jkunu tliet gradi biss aktar minn ta’ Malta, għall-Ingliżi dawn mhux temperaturi normali għal dan iż-żmien tas-sena.
Imsomma, jekk se tibbukkja xi ikla, ħu ħsieb li l-mejda tkun fuq ġewwa u jekk se tistieden lin-nies ipprepara l-kafè u l-hot chocolate.