“Tfittxux imwejjed mifruxin” – L-Isqof lid-djakni ġodda

Tliet seminaristi ġew ordnati djakni mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.
Id-djakni l-ġodda huma Joseph Attard mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, Massimo Buttigieg mill-Parroċċa tal-Katidral u Mario Curmi mill-Parroċċa tax-Xagħra. 
Waqt l-Ordinazzjoni Djakonali li mexxa fil-Katidral ta’ Għawdex, l-Isqof qalilhom, li ma jixtieqhomx jitwieldu djakni għajjenin.
Mons. Mario Grech semma s-sejħa tal-Papa Franġisku biex “inkunu Knisja li toħroġ, taqdef ‘il barra biex tevanġelizza fil-periferiji tas-soċjetà.
L-Isqof wissa lid-djakni, “tfittxux imwejjed mifruxin” u fakkarhom fil-missjoni tagħhom li jkunu qaddejja tal-komunità. Ħeġġiġhom ukoll biex ma jaqilgħux tempesti għall-komunità imma jħallu lil Ġesù jaħdem fihom.
Il-Quddiesa tal-Ordinazzjoni ġiet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ.