Tfittxija għat-tielet sit alternattiv għal Qorti f’Għawdex

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Gvern qed jesplora sit alternattiv ieħor għal Qorti f’Għawdex. Dan se jkun it-tielet sit alternattiv li qed ifittex il-Gvern wara li kemm il-Ministru Anton Refalo u anki l-Ministru Caruana, it-tnejn kienu proponew siti alternattivi għal Qorti li bħalissa tinsab fiċ-Ċittadella.

Waqt li kienet qed twieġeb għall-mistoqsija parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, il-Ministru Caruana spjegat li sit alternattiv għadu ma nstabx biex il-Qorti l-ġdida tkun f’post aktar ċentrali.

Fl-2016, il-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet ħarġet il-permess għall-iżvilupp ta’ post ġdid għall-Qorti t’Għawdex li kien se jkun mibni bejn Triq Gorg Borg Olivier u Triq San Ġużepp Labre fir-Rabat, Għawdex. Apparti l-Qorti ta’ Għawdex kien se jinbena parkeġġ kbir li jesa’ mal-500 parkeġġ.

Wara l-elezzjoni tal-2017, il-Ministru ġdida għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret sit alternattiv. Hija kienet qalet li permezz tar-rilokazzjoni tal-proġett hu stmat li l-ispiża tonqos minn €14-il miljun għal €5.5 miljun. Is-sit il-ġdid kien se jkun fix-Xewkija.

​AQRA: “Il-Qorti t’Għawdex għax-Xewkija” – Ministru Caruana

Is-sena l-oħra, fi Frar 2018, il-Ministru Caruana qalet fil-Parlament li l-proġett kellu jitlesta sas-sena 2022.

AQRA: Il-Qorti l-ġdida f’Għawdex titlesta fl-2022

Iżda issa b’din l-aħbar ifisser li l-Gvern qed ifittex it-tielet sit biex fuqu jibni Qorti ġdida għal Għawdex. Fl-aħħar snin inħass il-bżonn li tinbena Qorti għal Għawdex minħabba li l-binja li ntużat sa issa fiċ-Ċittadella hija żgħira u qadima.