Tfittxija għal mara li qatlet żewġ xufiera fil-Messiku

Il-pulizija Messikana qed tinvestiga l-qtil ta’ żewġ xufiera ta’ tal-linja u qed teżamina l-possibilità li l-qattiela hija mara li qed tixtieq tivvendika ruħha wara li kienet stuprata waqt li kienet f’tal-linja.

Iż-żewġ xufiera maqtula jaħdmu mal-istess kumpanija fi Cuidad Juarez, il-Messiku.

Mara, li identifikat ruħha bħala “Diana the huntress”, bgħatet imejls lill-ġurnali u tefgħet messaġġi fuq Facebook u midja soċjali oħra tgħid li hi kienet li qatlet liż-żewġ xufiera.

Fil-messaġġi tagħha, l-qattiela tgħid li hi għamlet dan l-att biex tpatti għal dawk in-nisa li jiġu abbużati sesswalment minn xufiera li jaħdmu bil-lejl.

F’wieħed mill-imejls, din il-mara kitbet hekk: “Jiena u nisa oħra batejna…imma ma nistgħux nibqgħu siekta”.