Ritratti: Tkompli t-tfittxija għar-raġel minn Ta’ Sannat

Hekk kif Carmel Calleja ta' 60 sena minn Ta’ Sannat għadu ma nstabx, qed tissokta t-tfittxija għalih mill-Pulizija, mill-Forzi Armati ta' Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
L-aħħar li deher ir-raġel kien f'Ta' Sannat stess. Hu kien liebes flokk u shorts blu. Calleja hu ta' statura medja u twil 173 ċentimetru.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kien għall-ħabta tal-4pm tas-Sibt, meta sar ir-rapport min-naħa tal-qraba tar-raġel.
Dan wassal biex it-tfittxija bdiet ilbieraħ filgħaxija, madanakollu waqfet fil-11pm. It-tfittxija kompliet fil-5am tal-Ħadd. 
Ma' Newsbook.com.mt, kelliem għall-Forzi Armati ta' Malta qal li lbieraħ it-tfittxija saret permezz ta' ħelikopter u dalgħodu ssoktat b'ħelikopter u patrol boat. 
Kelliema għall-Pulizija qalet li t-tfittxija llum waranofsinhar saret bl-għajnuna tal-klieb li l-Pulizija f'Għawdex ġabet minn Malta. 
Madanakollu s'issa t-tfittxija rrizultat fin-negattiv.
Il-Ħadd filgħaxija l-Pulizija ppubblikat ritratt ta' Calleja u appellat għall-għajnuna tal-pubbliku.
Kull min għandu xi informazzjoni dwar Calleja jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija: 21 224 001-9 jew Crime Stop 119.  Wieħed jista’ anke jgħaddi informazzjoni fi kwalunkwe Għassa tal-Pulizija.


Xerred dan l-artiklu biex tgħin lill-Pulizija ssib lil Carmel Calleja.