Tfittxija fil-Venezuela għal għaxar ‘suldati’ li attakkaw bażi militari

Bħalissa fil-Venezuela għaddejja tfittxija għal għaxart irġiel li ħarbu armati wara attakk fuq bażi militari.
Dan ħabbru l-President Nicolás Maduro li kellu biss kliem ta’ tifħir għall-armata tal-pajjiż.
L-attakk seħħ fil-Belt ta’ Valencia, fit-Tramuntana tal-pajjiż meta 20 persuna attakkaw bażi militari. Tnejn inqatlu, wieħed weġġa’ u sebgħa jinsabu arrestati.
L-inċident seħħ ftit wara filmat li deher idur fuq il-midja soċjali u li juri rġiel lebsin l-uniformi tal-armata jgħidu li se jqumu kontra t-tirannija.
Fuq it-televiżjoni tal-istat, Maduro feraħ lill-armata għar-reazzjoni immedjata tagħhom.
Huwa sejjaħ l-inċident bħala wieħed terroristiku u li seħħ minn merċenarji. Wiegħed li dawn se jinqabdu.
Il-Gvern qal li dawk li ħarbu jistgħu jinkludu Lieutenant li ħarab mill-armata iżda qal li l-oħrajn huma kollha nies ċivili u mhux membri tal-armati.
Fl-aħħar xhur ta’ kunflitt fil-pajjiż, qamu ħafna mistoqsijiet dwar kemm l-armata għadha leali lejn il-President iżdaw waqt il-protesti vjolenti li ħakkmu l-pajjiż kemm-il darba tat xhieda ta’ dan.