Tfigħ ta’ bajd: ‘Ir-rispett jiżboq kull kunsens’

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stefania Dimech Sant sostniet li r-rispett jiżboq kull kunsens. Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Dimech Sant wara filmat tal-inċident li involva mara tiġi ssuttata bil-bajd minn irġiel waqt bachelor’s party. Dimech Sant fakret li wieħed mill-għanjiet tar-Richmond Foundation huwa li jeduka n-nies dwar il-bżonn li jintwera r-rispett lejn kulħadd.

Dimech Sant spjegat li minn dal-episodju joħroġ ukoll l-element li kien hemm min ħass il-bżonn li jissoġġetta lill-ħaddieħor għal trattament bħal dan biex “jieħu gost”. Hi saħqet li din  it-tip ta’ mġieba tikkonċernahom. Ma’ Newsbook.com.mt Dimech Sant sostniet li mhix kwistjoni jekk il-persuna għandiex problemi ta’ saħħa mentali jew le, ir-rispett lejn persuna oħra huwa prijorità.

Hi saħqet li anki jekk persuna tati l-kunsens tagħha, dan ma jfissirx li persuni oħrajn jistgħu jġibu ruħhom kif iridu u jixtiequ, u temmet tgħid li r-rispett jiżboq fuq kull kunsens. Sostniet li hemm “linja li ma għandiex tinqabeż”.

Il-mara involuta tkellmet mal-ġurnalist tal-programm Xarabank, u saħqet li hi għandha l-età tagħha u tat il-kunsens tagħha.

AQRA: Tfigħ tal-bajd: “Suppost ċelebrazzjoni ta’ żwieġ mhux xena ta’ umiljazzjoni” – NCPE

Ftit tal-jiem ilu l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) kkundannat l-inċident u ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjoni neċessarja. Qalet li din kellha tkun ċelebrazzjoni għaż-żwieġ ta’ wieħed mill-irġiel ma’ mara, u li minflok kienet xena ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni.