Tfalli l-kumpanija Thomas Cook

Il-kumpanija tas-safar Thomas Cook li kellha ukoll uffiċċju fil-Belt Valletta falliet wara li negozjati ta’ emerġenza naqsu milli jirnexxilhom isalvaw l-kumpanija li ilha topera għal dawn l-aħħar 178 sena.

L-aġenzija tal-aħbarijiet BBC qalet li l-Awtorità għall-Avjazzjoni Ċivili Brittanika ħabbret li l-operatur tat-tours “waqqaf l-operat tiegħu b’effett immedjat”.

Il-falliment tal-kumpanija wassal għall-akbar ripatrijazzjoni ta’ xejn inqas minn 150,000 Brittaniku, li kienu fuq btala, lejn ir-Renju Unit.

Peter Fankhauser, il-Kap Eżekuttiv ta’ Thomas Cook, talab apoloġija lill-miljuni ta’ klijenti tal-kumpanija u lill-eluf ta’ impjegati. L-għeluq tal-kumpanija se jkun qed ipoġġi f’riskju mat-22,000 impjieg madwar id-dinja kollha, fosthom 9,000 fir-Renju Unit.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, kienu skedati li jirritornaw lura lejn ir-Renju Unit 16,000 persuna li kienu fuq btala. L-awtoritajiet qed jittamaw li jirnexxilhom jorganizzaw titjiriet chartered għal mill-inqas 14,000 minnhom.

“Irridu li l-viżitaturi u l-lukandi Maltin jintlaqtu bl-inqas mod possibbli”

Il-Gvern, permezz ta’ stqarrija, qal li se jkun qiegħed jevalwa s-sitwazzjoni u jieħu numru ta’ inizjattivi biex il-falliment ma jaffettwax wisq it-turiżmu Malti.

Qal li bħalissa hemm diskussjonijiet fuq livell għoli mal-istakeholders kollha. Barra minn hekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed toffri kull għajnuna possibbli lill-British High Commission li qiegħda tikkordina l-ħidma ta’ ripatrijazzjoni tal-klijenti Ingliżi ta’ Thomas Cook.