Tfal u sajf: tista’ titgħallem b’xejn kif tibni robot

Tnieda l-programm Robotica Nation, li fih tfal se jkunu qed jitgħallmu l-informatika kreattiva u teknika sabiex jibnu u jipprogrammaw robot.
Dan il-programm se jkun qiegħed jikkumplimenta l-Hour of Code, inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tħabrek biex il-gost tal-informatika jixxerred maż-żgħar.
Il-programm intlaħaq bi ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet flimkien mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali ta’ Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Kalkara, u x-Xgħajra.
Il-programm innifsu tfassal mit-TCTC, u se jkun qed jingħata b’xejn.
Fl-intervent tiegħu waqt it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis, qal li r-Robotica Nation huwa eżempju ta’ kif il-pubbliku u l-privat jistgħu jaħdmu id f’id sabiex igawdu l-komunitajiet billi jinxtered it-tagħlim.
Parnis ħeġġeġ biex aktar tfal u ġenituri jinteressaw ruħhom fil-programm, sabiex finalment iż-żgħażagħ ta’ għada jkunu minn ta’ quddiem biex isibu xogħol, speċjalment fl-industrija tal-gaming.
Il-kors ta’ tmien ġimgħat matul is-sajf kollu jkopri 16-il siegħa ta’ tagħlim, u sa issa applikaw madwar 35 u 40 tifel u tifla mill-Kottonera. Mal-1,700 mistennija japplikaw.