Tfal tal-iskola fil-Parlament dwar il-vjolenza domestika

Studenti minn numru ta’ skejjel sekondarji ġew mistiedna biex jiddibattu dwar il-vjolenza domestika flimkien ma’ Membri Parlamentari Maltin fis-Sala tal-Parlament, fuq ix-xewqa tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika li tinvolvi lit-tfal fl-attivitajiet organizzati matul is-16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Bbażata fuq il-Ġeneru.
Waqt il-laqgħa, li ttellgħet b’kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, il-Parlament ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-istudenti tkellmu dwar il-bżonn li membri tal-Ġudikatura, il-Pulizija, l-edukaturi u professjonisti oħra, bħall-psikoloġi u ħaddiema soċjali, jingħataw taħriġ regolari biex ikunu kapaċi jaħdmu bis-sħiħ kontra l-vjolenza domestika.
L-istudenti qablu wkoll mal-Membri Parlamentari li saħqu fuq il-ħtieġa li tiżdied il-ħruxija tal-pieni għal min jinstab ħati ta’ vjolenza domestika, kif ukoll dwar il-bżonn li tidħol fis-seħħ liġi li telimina d-differenza fil-pagi bejn is-sessi biex tinkoraġġixxi lis-subien u l-bniet jidħlu għall-korsijiet li tradizzjonalment huma assoċjati ma’ ġeneru partikolari.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) faħħret il-ħidma li qed issir fuq livell nazzjonali biex tqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kemm fl-isfera domestika kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.
Il-kummissjoni spjegat fi stqarrija li sabiex tinqered il-vjolenza kontra n-nisa jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox tingħaraf u tiġi indirizzata, u għalhekk faħħret ukoll it-taħdidiet li qed isiru fil-Parlament biex jiddaħħal fis-seħħ abbozz dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.