Tfal tal-Belt bla skola minħabba l-Valletta Summit

Nhar il-Ħamis li ġej, l-iskola Primarja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca li tinsab fi Triq il-Merkanti se tkun magħluqa.
Dan hekk kif tinsab qrib tal-postijiet fejn se jiġi organizzat il-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni matul il-ġimgħa d-dieħla.
Il-Ħamis ukoll, l-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Kulleġġ Santa Klara se jibdew l-iskola fil-10.30 ta’ filgħodu.
Id-deċiżjoni li l-iskejjel jibdew tard ittieħdet wara diskussjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-organizzaturi tas-summit.
L-iskejjel se jerġgħu jiġu affetwati l-ġimgħa ta’ wara waqt iċ-CHOGM hekk kif fis-27 ta’ Novembru, l-iskejjel kollha se jagħlqu għaż-żjara tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
Matul il-jiem taċ-CHOGM, se tiġi affetwata wkoll l-Università ta’ Malta li se tkun magħluqa fis-27, it-28 u d-29 ta’ Novembru.
Parti mill-Università se tkun qed tintuża għal-loġistika tas-sigurtà matul l-avveniment.