Tfal ta’ 12-il sena u aktar iridu jilbsu maskra – WHO

File Photo

Read in English.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li tfal ta’ 12-il sena u aktar għandhom jilbsu maskra bħala protezzjoni mill-coronavirus.

Il-maskri għandhom jintlibsu meta ma tkunx garantita distanza ta’ metru u meta jkun hemm trażmissjoni tal-virus.

Il-WHO saħqet li jeħtieġ li tinġabar aktar informazzjoni biex hija tkun tista’ tifhem aħjar l-irwol tat-tfal u tal-adolexxenti fit-trażmissjoni tal-virus. Dwar l-ilbies tal-maskri mit-tfal, hija qalet li għandhom jitqiesu fatturi bħar-rata tat-trażmissjoni, kemm it-tfal jirnexxilhom jilbsu maskra u superviżjoni mill-adulti.

Tfal ta’ ħames snin u inqas mhumiex obbligati jilbsu maskra.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci kienet qalet li tfal ta’ tliet snin u inqas m’għandhomx jilbsu maskra għax din taf tagħmlilhom il-ħsara.

X’qalet Prof. Gauci dwar it-tfal u l-maskri?
34 persuna jeħlu multa talli ma kinux lebsin maskra

Din hija l-ewwel darba li l-WHO ħarġet xi tip ta’ gwida dwar l-ilbies tal-maskri mit-tfal, u dan qed jingħad f’perjodu fejn ħafna pajjiżi qed jikkunsidraw li jerġgħu jiftħu l-iskejjel. Fl-Ingilterra, pereżempju l-iskejjel mistennijin jiftħu f’inqas minn ġimagħtejn.

F’Malta għadha ma ttiħditx deċiżjoni dwar jekk humiex se jiftħu l-iskejjel, iżda l-awtoritajiet edukattivi qed jippreparaw l-iskejjel daqslikieku dawn se jinfetħu. Qam daqsxejn tad-dubju dwar dan issa li f’Malta l-każijiet żdiedu ġmielhom hekk kif Malta daħlet fit-tieni mewġa tal-coronavirus.

Fir-Renju Unit, xi skejjel ħabbru li t-tfal se jkunu obbligati jilbsu maskra, minkejja li l-Gvern qal li mhuwiex rakkomandat li tfal tal-primarja u tas-sekondarja jilbsu maskra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn