Tfal ta’ 11-il sena jisirqu mill-kumdità ta’ djarhom stess!

Tfal li għad għandhom 11-il sena qed jużaw codes sabiex ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni minn siti ta’ logħob u social networks.

Rapport mill-kumpanija tal-antivirus AVG preżenta evidenza ta’ programmi li ġew imfassla apposta sabiex jisirqu informazzjoni virtwali, liema informazzjoni tiswa ħafna flus.

Ir-riċerka wriet li ħafna mill-programmi mfassla biex jisirqu l-informazzjoni kienu mibnija fuq kodiċi sempliċi u bi programmi bħal Visual Basic.

Barra minn hekk fihom żbalji bażiċi li hackers adulti żgur li mhux se jwettqu. Per eżempju, programm partikolari prova jisraq l-informazzjoni minn persuni u jibgħata lill-indirizz tal-imejl partikolari. Iżda min ħoloq il-programm inkluda kemm l-indirizz kif ukoll il-password fil-programm innfisu. Meta l-Pulizija fittxet ta’ min kien l-indirizz, sabet li kien ta’ tifel Kanadiz ta’ 11-il sena.

Il-kumpanija AVG użat ir-rapport biex tisħaq dwar l-importanza li t-tfal ikunu edukati dwar x’inhu aċċettabli fuq l-internet.

Ħafna skejjel madwar id-dinja issa qed jgħallmu lit-tfal kif jagħmlu coding, u mhux sempliċiment kif jużaw il-computer.

Inizjattivi biex tfal jitgħallmu jiprogrammaw huma approvati minn kumpaniji kbar bħal Google u Microsoft, bit-tama li t-tfal jiġu edukati wkoll kif u meta għandhom jużaw dak li jkunu tgħallmu.