Tfal stess ifasslu politika magħmula għalihom

L-ewwel Politika Nazzjonali tat-Tfal tnediet mill-Gvern dalgħodu, bl-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ kull tifel u tifla f’Malta u Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ din il-politika l-ġdida, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon spjega li din il-politika tħejjiet permezz ta’ diskussjonijiet ma’ gruppi ta’ tfal li kellhom bejn 4 snin u 17-il sena, bl-għan li tkopri l-esperjenzi u l-bżonnijiet ta’ kull tifel u tifla, filwaqt li tifhem kemm il-biżgħat kif ukoll l-aspirazzjonijiet li jvarjaw għal kull wieħed u waħda minnhom.
Falzon qal li l-għan tal-politika huwa li t-tfal kollha jikbru f’ambjent ta’ imħabba, appoġġ u protezzjoni, li jinkuraġġihom jilħqu l-potenzjal tagħhom u li joffrilhom ilkoll l-istess opportunitajiet, kemm fit-tfulija kif ukoll iktar ’l quddiem f’ħajjithom meta jitfarfru.
Huwa saħaq li l-Gvern kellu jikkunsidra l-aspetti kollha tal-ħajja tal-kuljum tat-tfal waqt it-tfassil tal-politika, sabiex fiha jindirizza il-bżonnijiet fiżiċi, psikoloġiċi u soċjo-ekonomiċi tagħhom, fosthom is-saħħa, l-ambjent, l-ambjent tad-dar, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kultura.
Il-Ministru temm jispjega li l-implimentazzjoni ta’ din il-politika se tkun l-ikbar sfida, u għalhekk il-Gvern qed jitlob lill-partijiet involuti biex jikkordinaw l-azzjonijiet tagħhom ħalli ma jkunx hemm xkiel fid-dħul fis-seħħ tal-politika.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal se jkun qed jissorvelja, jevalwa u jirrapporta kull żvilupp li jinkiseb fuq livell nazzjonali fl-interess tat-tfal kollha.  
Tista' taqra l-politika sħiħa hawnhekk: