Tfal Spanjoli joħorġu barra għall-ewwel darba f’sitt ġimgħat

REUTERS/Vincent West

Read in English.

Nhar il-Ħadd li għadda t-tfal Spanjoli ħarġu bi ħġarhom minn djarhom bil-mixi, fuq roti, skateboards u scooters, għall-ewwel darba wara sitt ġimgħat li kienu ilhom jgħixu ġewwa, taħt wieħed mill-aktar lockdowns stretti tal-coronavirus.

Ir-rilassament tal-miżuri ġie fis-seħħ hekk kif Spanja, wieħed mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija tal-COVID-19, irreġistrat l-anqas żieda ta’ kuljum fir-rata tal-mewt minħabba l-coronavirus f’aktar minn xahar. Dan kien l-ewwel pass hekk kif il-gvern qed jippjana proċess gradwali biex jibdew jintreħew ir-restrizzjonijiet.

Tfal ta’ taħt l-14-il sena tħallew joħorġu barra għall-ewwel darba minn meta l-gvern iddikjara stat ta’ emerġenza fl-14 ta’ Marzu, u għalaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tal-ħajja pubblika u ekonomika. It-tfal ħarġu jimxu fit-toroq ta’ Madrid libsin maskli protettivi. 

Lucia Ibanez, ta’ 9 snin, li ħarġet timxi ma’ ommha, qalet li kienet ħasset in-nuqqas tal-libertà li toħroġ fit-toroq u tmur il-park, u li “nħoss l-arja friska fuq wiċċi” matul il-perjodu ta’ lockdown

“Qatt ma ħsibt li se ngħid dan il-kliem, imma tassew nixtieq nista’ nerġa’ mmur lura l-iskola,” kompliet tgħid. 

It-tfal se jitħallew joħorġu għal siegħa kuljum bejn id-9:00 ta’ filgħodu u d-9:00 ta’ filgħaxija taħt is-superviżjoni ta’ adult, u jistgħu jiċċaqalqu sa distanza ta’ kilometru minn djarhom. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn