‘Tfal Sirjani użati bħala spiji u ġellieda’ – Save the Children

Żewġ miljun tifel u tifla fis-Sirja għandhom bżonn assistenza mill-aktar fis possibli, qalet l-għaqda internazzjonali ‘Save the Children’.

Din l-organizzazzjoni qalet kif tfal qed jintużaw miż-żewġ naħat tal-gwerra ċivili bħala spiji u ġellieda. Fis-Sirja , kunflitt bejn il-gvern ta’ Bashar al-Assad u r-ribelli ilu sejjer għal aktar minn sentejn.

‘Save the Children’ rrimarkat li l-edukazzjoni tat-tfal kważi spiċċat, b’madwar elfejn skola fil-pajjiż ikollhom jagħlqu. Qalet kif qed jgħixu f’ambjent mhux sanitarju b’riskju kbir ta’ infezzjonijiet u mard minħabba nuqqas ta’ iġjene u riżorsi.

Skond riċerka li għamlet, jidher li dan il-kunflitt se jħalli marka negattiva ħafna fuq ħajjet it-tfal, għaliex tlieta minn kull erbgħa tifel u tifla kellhom xi wieħed mill-familjari tagħhom li miet waqt dan il-kunflitt. Barra minn dan, wieħed minn kull tlieta sofra xi ġrieħi waqt il-gwerra.

Ir-riċerka ta’ Save the Children tikkonferma dak li qalet l-aġenzija UNICEF, li sostniet kif ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal taħt it-tmintax il-sena ma jafu xejn ħlief vjolenza.

Il-Ġnus Maqgħuda testima li mietu aktar minn 70, 000 persuna waqt dan il-kunflitt.