Tfal se jiġu ttestjati jekk humiex celiac

Il-Gvern nieda fond ta’ €2 miljun għar-riċerka fost tfal celiac li mistenni jagħti bidu għal programm li bih it-tfal fl-iskejjel se jiġu ttestjati għall-kundizzjoni celiac. Il-programm huwa immirat li jtejjeb il-mezzi li bihom it-tfal isiru jafu li għandhom din il-kundizzjoni.

Il-kundizzjoni celiac hija dik il-kundizzjoni li teffettwa s-sistema diġestiva li permezz tagħha, in-nies li jbatu minnha ma jkunux jistgħu jieklu prodotti bil-gluten.

Dan il-proġett se jkun iffinanzjat mill-INTERREG programm ta’ finanzjament bejn Malta u l-Italja u tnieda mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Aaron Farrugia.

Il-proġett se jsir matul din is-sena fost 20,000 tifel u tifla bejn l-4 u 12-il sena f’Malta u fi Sqallija. Intqal li l-ittestjar fuq it-tfal se jsir permezz ta’ “metodi innovattivi li mhumiex invażivi” u se jsiru biss bil-kunsens tal-ġenituri.

Waqt din il-konferenza, l-edukaturi lokali ngħataw informazzjoni dwar il-kundizzjoni tas-celiac, is-sintomi li jistgħu jkunu qed jindikaw li t-tfal għandhom din il-kundizzjoni u l-proċess li bih għandhom jiġu ttestjati t-tfal fl-iskejjel. Intqal ukoll li studji riċenti fi Sqallija urew li bejn 1% u 2 % tal-popolazzjoni Sqallija huma celiac.