Tfal mitluba jiġġieldu fil-Kongo waqt li jintużaw minn kumpaniji – MPEs

Il-Membri tal-Partit Ewropew qalu li tfal fil-Kongo qed jaħdmu f’minjieri għal kumpaniji globali filwaqt li qed jiġġieldu wkoll bl-armi fil-pajjiż.
Waqt dibattitu dwar id-drittijiet umani u r-rispett għal-liġi fil-Kongo, l-MEPs tkellmu dwar elezzjonijiet li jiġu posposti u armata li tispara fuq dimostranti. Kien hemm ukoll min qajjem tħassib dwar jekk flus li jintbagħtu lejn il-Kongo jispiċċawx f’idejn il-mexxejja minflok jingħataw lil min verament għandu bżonn.
Monica Macovei li tifforma parti mill-partit konservattiv qalet li s-sitwazzjoni fil-Kongo hija waħda turbulenti fejn anke tfal qed jiġu msejjħa biex jipparteċipaw fil-ġlied. Notis Marias li ġej mill-istess partit tkellem dwar kif kumpaniji globali qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni fil-Kongo.
Fabio Castaldo mill-partit tal-libertà u d-demokrazija diretta qal li hemm bżonn jibdew jiġu imposti sanzjonijiet fuq dawn it-tip ta’ kumpaniji u li l-Ewropa m’għandhiex tkompli tibża’.
Il-Kongo ilu jsofri minn konflitti u ripressjoni politika. F’Diċembru tal-2016, is-sitwazzjoni qalbet għall-agħar meta l-President Joseph Kabila li kien ilu fil-poter mill-2001 ma riedx jirriżenja.
Fost oħrajn, il-Parlament Ewropew ilbieraħ sejjaħ lill-Awtoritajiet tal-Kongo biex jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż.