Tfal minn Ħad-Dingli u r-Rabat bi proġett dwar it-tibdil fil-klima

Grupp ta’ studenti mill-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli u mill-Iskola Medja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola kklassifikaw fost l-aqwa erba’ timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-European Space Agency.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni waqa laqa’ li saret mal-kapijiet tal-iskola, mal-prinċipal tal-Kulleġġ u mal-għalliema u mal-istudenti li kienu involuti fil-proġett.

Il-Ministru Bonnici qal li, “dawn l-istudenti kienu kapaċi jqajmu kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima billi ħolqu materjal li jippromwovi l-użu tad-dawl naturali, l-użu għaqli tal-elettriku u tal-ilma, il-valur tal-iskart bħala riżorsa, is-separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta’ siġar indiġeni madwar l-iskola u fil-komunitajiet li jgħixu fihom.”

Fil-proġett Climate Detectives ħadu sehem iktar minn 450 student minn madwar l-Ewropa kollha. Kull tim kellu jidentifika problema relatata mal-klima lokali, jiġbor data u informazzjoni biex jinvestiga l-problema u finalment jieħu azzjonijiet biex itaffu l-istess problema. 

It-tim tal-Kulleġġ San Nikola investigaw kif it-tibdil fil-klima, primarjament it-tibdil fl-ammont ta’ xita u t-temperatura, qed jaffettwa l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa, fil-limiti tar-Rabat u l-Imtarfa, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-biedja fl-inħawi tal-wied.

L-istudenti tad-disa’ sena tal-ġeografija fl-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli bdew billi analizzaw informazzjoni kwantitattiva dwar tibdil fit-temperatura u fl-ammont ta’ xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Saru wkoll osservazzjonijiet dwar l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa permezz ta’ ritratti mis-satelliti Landsat 5 u Sentinel 2. Finalment għamlu osservazzjonijiet permezz ta’ fieldwork f’Wied il-Qlejgħa fi Frar 2020.

Din l-analiżi wriet li x-xita qed tonqos fir-rebbiegħa iżda maltempati kbar ta’ xita qed jiżdiedu fil-ħarifa filwaqt li t-temperatura tidher li qed tiżdied. Waqt il-fieldwork, l-istudenti nnutaw li parti kbira mill-wied kienet xotta, iżda setgħu josservaw features li juru li l-ammont ta’ ilma li kien jgħaddi mill-wied fil-passat kien ħafna iktar għoli fosthom liwjiet fil-wied li ffurmaw b’azzjoni idrawlika.

Tista taqra aktar dwar dan minn hawn.