Tfal “mifnija emozzjonalment” imutu xħin inqalbet dgħajsa bir-Rohingja

Minn tal-inqas 12-il persuna mietet, fosthom tfal, xħin dgħajsa mimlija nies li kienu qed jippruvaw jaħrbu mill-vjolenza fil-Mjanmar inqalbet qrib il-Bangladesh.
Hu mifhum li fuq did-dgħajsa kien hemm aktar minn 100 Rohingja Musulman li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni fil-Mjanmar, li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar xhur fl-istat ta’ Rakhine.
Sa issa għexieren mietu f’ħarbiet ta’ dan it-tip.
Għalkemm in-numru eżatt ta’ nies fuq id-dgħajsa għadu mhux magħruf, uffiċjali qed jgħidu li ġabru għaxart iġsma ta’ tfal, u tnejn ta’ adulti.
Inċident simili seħħ fl-aħħar jiem tax-xahar li għadda, meta minn tal-inqas 60 persuna mietet fil-baħar.
Kelliem għall-organizzazzjoni mhux governattiva Save the Children qal li l-kriżi tar-Rohingja hi wkoll kriżi tat-tfal Rohingja Musulmani li qed jispiċċaw trawmatizzati u mifnija emozzjonalment qalb dan it-twegħir kollu.
Kollox beda meta f’Awwissu li għadda militanti Rohingja attakkaw xi uffiċjali tal-Mjanmar, u dan wassal biex il-gvern jibda azzjoni militari kontra dan il-grupp etniku f’minoranza.
Hemm nofs miljun Rohingja Musulmani fil-Mjanmar li spiċċaw ħarbu għax mhumiex aċċettati u saħansitra l-gvern ma jridx jagħtihom iċ-ċittadinanza.
Huma qed jakkużaw lill-militar, sostnut minn gruppi ta’ Buddisti, bi qtil vjolenti u ħruq ta’ villaġġi biex jeqred għalkollox lir-Rohingja mill-pajjiż.