​“Tfal m’għandhomx jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni” – PE

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq li immigranti tfal m’għandhomx jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni, sakemm jiġi proċessat l-istatus tagħhom. 
Rizoluzzjoni tal-PE issemmi li l-ġenituri jew il-gwardjani legali ta’ tfal immigranti li ma jkunux akkumpanjati, għandhom jinġiebu ħdejn it-tfal. 
Taċċenna wkoll għal iktar koperazzjoni biex jinstabu tfal li jkunu rappurtati nieqsa bil-għan li jiġu identifikati l-vittmi ta’ traffikar u ta’ abbużi oħra. 
L-istess riżoluzzjoni ssemmi kif tfal immigranti għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet edukattivi daqs it-tfal tal-pajjiż partikolari fejn ikunu waslu. 
Bħalissa l-Ewropa hija d-dar għal 5.4 miljun tfal immigranti. Il-Bulgarija hija l-aktar pajjiż Ewropew li laqgħet tfal immigranti, segwita mill-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja. 
Il-PE ħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħaffu l-proċess li jaħtar gwardjani legali għal immigranti tfal li jaslu waħidhom sabiex jiġu protetti. 
Jappella wkoll biex ikun hemm sistema adegwata ta’ reġistrazzjoni għal dawn it-tfal, sabiex jibqgħu jingħataw il-protezzjoni nazzjonali.