“Tfal maqtula, ommijiet muġugħa u missirijiet imċaħħda”

Hekk kif għada jaħbat l-anniversarju minn meta ddaħħal l-abort fl-Istati Uniti, Life Network Malta qed tappella biex din l-inġustizzja tiġi fi tmiemha.
Life Network Malta, fi stqarrija spjegat kif 43 sena ilu, is-sistema legali fl-Istati Uniti ġiet mittiefsa bid-deċiżjoni fil-każ Roe vs Wade, biex illum qed tfalli milli tipproteġi miljuni ta’ tfal fil-ġuf, permezz tal-abort.
Il-Qorti Suprema Amerikana kienet approvat li jista’ jsir abort biex l-ommijiet ikunu jistgħu jneħħu l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf b’mod legali.
Life Network Malta sostniet li dan wassal għal qtil brutali tal-embrijuni fuq sempliċiment għażla jew is-saħħa riproduttiva tal-mara.
“Din il-liġi ħalliet lill-missirijiet mingħajr drittijiet u li jkollhom jaraw lil uliedhom sejrin għall-qatla,” żżid tgħid.
L-imwiet ta’ trabi b’din is-sentenza inbidlu f’industrija li issa tinkludi wkoll il-bejgħ ta’ partijiet tal-ġisem fl-Istati Uniti.
Eluf ta’ persuni fl-Istati Uniti se joħorġu f’kesħa xxoqq l-għadam biex jipprotestaw kontra l-inġustizzja ta’ din il-liġi u jingħaqdu f’mixja favur il-ħajja.
Il-Moviment dinji favur il-ħajja jappella lill-politiċi ta’ rieda tajba sabiex jaħdmu biex din il-liġi inġusta tiġi revokata.
Il-Life Network Malta sostniet li l-fatt li f’Malta l-abort mhux legali hu tribut għall-politiċi favur il-ħajja li ma nġarrux mal-kurrent ta’ pajjiżi oħra.
Kompliet tgħid li t-tfal fil-ġuf jiġu ssalvagwardjati mill-abort sakemm tiġi protetta l-ħajja sa mill-konċepiment u l-embrijun uman jingħata valur “għax hu wieħed minna, parti mill-familja tagħna.”
B’referenza mill-ġdid għall-każ ta’ 43 sena ilu, il-Life Network qalet li xi darba għandha tiġi fi tmiemha s-saga ta’ tfal maqtula, ommijiet imweġġa’ u missirijiet imċaħħda.