​Tfal Maltin jiċċaħħdu mill-ħelu biex jgħinu lit-tfal Sirjani

Fir-Randan li għadda, eluf ta’ tfal Maltin iċċaħħdu mill-ħelu sabiex jgħinu lit-tfal Sirjani. F’inizjattiva organizzata mill-għaqda Aid to the Church in Need Malta, mal-5,500 tifel u tifla minn 27 skola differenti għenu lit-tfal Sirjani bil-għan li dawn jingħataw edukazzjoni aħjar.
L-iskejjel li ħadu sehem kienu 8 skejjel Għawdxin, 9 skejjel tal-Knisja, 5 tal-istat u 5 oħra privati.
Minħabba l-kunflitt fis-Sirja, l-għadd ta’ tfal f’kull klassi kellu jitla’ għal 60 student fejn in-nuqqas ta’ spazju u riżorsi wassal biex it-tfal Sirjani waqgħu lura fl-istudji tagħhom. Ħafna minnhom tilfu xhur sħaħ ta’ lezzjonijiet għax kien perikoluż għalihom iħallu djarhom u issa qed isibu diffikultajiet biex ikomplu jitgħallmu.
F’dan il-kuntest, l-istudenti Maltin iċċaħħdu mill-ħelu jew rigali oħra biex minflok, jagħtu l-flus għal din il-kawża ġusta.
Bl-għotjiet tat-tfal Maltin, inġabret is-somma ta’ €8,000 li qed tgħin lil 195 student Sirjan mill-aktar familji foqra li l-ġenituri tagħhom ma jaffordjawx jibgħatuhom l-iskola. B’dawn il-flus qed jiġu finanzjati wkoll 20 ġimgħa ta’ lezzjonijiet individwali fid-djar għal xi tfal f’Damasku li ntlaqtu mill-gwerra.
Din l-inizjattiva saret fl-okkażjoni tar-raba’ anniversarju mit-twaqqif tal-għaqda Aid to the Church in Need Malta. Se ssir ukoll quddiesa ta’ ringrazzjament il-Ħadd li ġej fid-9am fil-Knisja tal-Bon Pastur ta’ Ħal Balzan.