Awdjo: Tfal Maltin iħossu “bil-kbir” l-azzjoni industrijali tal-ħaddiema soċjali

Andrew Azzopardi, li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja “Ejjew Għandi” qal li t-tfal vulnerabbli Maltin qed iħossu “bil-kbir” l-effetti tal-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema soċjali.
Fil-programm Newsline fuq RTK, Azzopardi semma kif kawża t’hekk, hawn tfal fid-djar tal-knisja li ilhom aktar minn għaxart ijiem ma jitkellmu mal-ħaddiema soċjali jew mal-familji tagħhom.
Hawnhekk appella lill-awtoritajiet biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis, għax qal li f’dawn l-azzjonijiet mhux qed tingħata vuċi lil sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà.
Semma kif azzjoni industrijali mill-ħaddiema soċjali ma tinħassx fuq skala nazzjonali daqskemm tinħass azzjoni simili minn bdoti jew għalliema, iżda qal li wieħed għandu jikkunsidra l-effett fuq it-tfal.
Fl-intervent tiegħu, Andrew Azzopardi semma wkoll kif 70% tal-abbużi fuq it-tfal, isir fi ħdan l-istess familja. Huwa kien qed jikkwota statistika internazzjonali b’rabta mal-każ atroċi ta’ abbuż fuq tlettax-il tifel u tifla mill-ġenituri tagħhom f’Kalifornja.
Dwar dan il-każ, Azzopardi qal li din hija storja diffiċli ħafna, għax dawn it-tfal mhux biss kienu torturati iżda lanqas kienu qed jingħataw biżżejjed ikel.